Fl-Okkażjoni ta’ l-40 Anniversarju mill-Għoti tal-Ġieħ tal-Bażilika
Lil Dawk Kollha li Ħabbew il-Bażilika Nadurija
Dan l-Artiklu Niddedika
IL-QABAR TA' SAN PAWL
MIS-SKIET U S-SOLITUDNI TA’ BOSTA SEKLI,
GĦAS-SEJBA MILL-ĠDID TIEGĦU
Kitba ta’ Anton Said

Żgur li wieħed mill-ħsibijiet li qed iberren ħafna fil-moħħ ta’ Dr. Giorgio Filippi, arkeologu tal-‘Musei Vaticani’, li fis-sena 2003 sab mill-ġdid il-Qabar ta’ San Pawl taħt l-altar papali tal-Bażilika ta` San Paolo Fuori Le Mura, huwa proppju x’jista` jkun fih dan il-qabar! Tgħid il-fdalijiet ta’ dak li bis-saħħa tiegħu l-isem ta’ pajjiżna, Malta, tniżżel fil-Kotba Imqaddsa jinsabu hemm? X’fih dan il-qabar jew eżatt sarcofago, kif huwa magħruf aħjar? X’qed iżomm milli nkunu nafu? U fuq kollox x’qed nistennew fiż-żmien li ġej? Fl-10 ta’Mejju 2004, il-Bażilika Nadurija ġiet Affiljata Spiritwalment ma’ din il-Bażilika. Ma kienx faċli li tikser kull regola li mxiet fuqha sbatax-il mitt sena ta’ storja. Il-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura qatt qabel ma kienet għamlet xi affiljazzjoni simili. B’hekk il-Bażilika Nadurija minbarra li bdiet tgawdi l-istess privileġġi spiritwali ta’ din il-Bażilika, saret ukoll l-uniku tempju li hu marbut mal-qabar ta’ l-Appostlu Pawlu.
Fuq ix-xellug: Il-Bazilika ta' San Pawl Fuori Le Mura gewwa Ruma
KIF U FEJN MIET PAWLU !
Il-perjodu bejn is-sena 64 w.K u l-bidu tas-sena 68 w.K, żmien il-persekuzzjoni, u l-aħħar snin tat-tmexxija ta’ l-imperatur Neruni, huma attribwiti minn bosta studjużi bħala ż-żmien li San Pawl ingħata l-martirju. Iżda dan kif u fejn seħħ? L-Appostlu Pawlu ngħata l-mewt billi ġie ordnat li tinqatagħlu rasu.Dan sar fuq ordni ta’ l-imsemmi imperatur f’ Acque Salvie, wied żgħir fil-periferija ta’ Via Laurentina, fil-belt ta’ Ruma, li ssemma għall-beni li l-familja Salvia seta` kellha f’dawn l-inħawi. Iżda il-martirju ta’ San Pawl ħalla xi tifkira? Iva. Leġġenda marbuta ma’ dan l-avveniment tgħid li hekk kif ras l-Appostlu Pawlu nfirdet minn mal-ġisem, din qabżet tliet darbiet ma’ l-art. Kull fejn messet, din ħalliet marka li wara nbidlet f’nixxiegħa ta’ ilma. Ilma sħun, ilma fietel u dak frisk. Dan tqies bħala sinjal straordinarju attribwit lil San Pawl. Iżda wieħed jistaqsi, din il-ġrajja ġrat tassew? U x’sar minn Acque Salvie? Għaliex bidel ismu?.......
Fuq il-lemin: Pittura ta' Qtuh ir-ras ta' San Pawl li tinsab fil-kor tal-Bazilika tan-Nadur. Pittura ta' Dun Karlu Zimek.
MINN ACQUE SALVIE GĦAL TRE FONTANE
Hu żgur li wara din il-ġrajja, il-wied Acque Salvie bidel ismu, u ġie magħruf bħala Tre Fontane, b’rabta ma’ dak li kien seħħ. Żgur li d-devozzjoni lejn dan il-post mill-ewwel nsara ma naqsitx. Hu magħruf li f’dan il-post fir-raba’ seklu nbniet knisja biex tfakkar dan il-martirju. Fil-25 ta’Jannar tas-sena 604, festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, il-Papa San Girgor il-Kbir iddikjara sollennement li dan il-post huwa tabilħaqq il-post tal-martirju. Il-Bażilika preżenti nbniet aktar tard fis-sena 1599. It-tliet nixxigħat ta’ l-ilma, ġew inkorporati fi tliet artali f’din il-Bażilika, li għal bosta snin kien jitqassam l-ilma minnhom. Dan l-ilma kien meqjus li kien fih qawwa speċjali ta’ fejqan. Dan dam isir sas-sena 1950, meta l-bokka ta’ dawn in-nixxigħat ġiet magħluqa, minħabba il-biża’ ta’ xi kontaminazzjoni. Iżda x’rabta hemm bejn il-Bażilika Nadurija u dik ta’ Tre Fontane? Fil-Bażilika ta’ San Paolo Alle Tre Fontane hemm ippriservata l-kolonna attribwita li magħha ġie marbut San Pawl qabel ma dan ħa l-martirju. Frak minnha, kif ukoll frak ieħor mill-kolonna li magħha ġie marbut San Pietru, jinsabu għall-qima taħt l-artal tal-Madonna tar-Rużarju fil-Bażilika tagħna. Dawn inġiebu minn Ruma fis-sena 1894 mill-Kav. Mikelanġ Mizzi, meta ngħata l-ġieħ tal-Kolleġġjata mill-Papa Iljun XIII.
ID-DIFNA FIS -‘SEPOLCRETO OSTIENSE’
Fejn indifen l-Appostlu Pawlu? Wara l-martirju tiegħu, San Pawl indifen fis-Sepolcreto Ostiense, il-post ta’ dfin fi triq Ostiense madwar żewġ kilometri ‘l bogħod mill-ħitan tal-belt. Tradizzjonalment jingħad li wara l-martirju tiegħu,Timotju, wieħed mid-dixxipli, flimkien ma’ ċerta Luċija, ġabru u ħadu l-ġisem mejjet ta’ l-Appostlu, u difnuh f’dan il-post, f’porzjon ta’ art li kien jappartjeni lill-imsemmija Luċija. L-isem ta’ Luċija huwa sinonimu ma’ dik il-persuna li kienet tagħti l-assistenza tagħha waqt id-difna ta’ dawk li jmutu martri. Fil-fatt dan l-isem huwa wieħed komuni ħafna fil-letteratura taljana ta’ din l-epoka. Iżda San Pawl kif, u għaliex indifen f’dan il-post ferm imbiegħed mill-post tal-martirju? Xi bżonn kien hemm biex il-kefen tiegħu jinġarr din id-distanza kollha li ma’ tistax tissejjaħ żgħira?
Jidher ċar li l-Appostlu Pawlu kellu numru ta’ segwaċi li kienu jkunu qrib tiegħu. Dawn kienu saħansitra preżenti għall-martirju tiegħu. Wara xi uħud minn dawn ġabru l-ġisem mejjet tiegħu mill-post tal-martirju, u difnuh fis-sepolcreto Ostiense, madwar 3.3 km bogħod minn Acque Salvie. Kieku forsi l-ġisem mejjet ta’ l-Appostlu Pawlu kien jibqa’ abbandunat, jew jindifen ftit tal-ħin wara minn dawk li wettqu dan l-amar, u b’hekk kien jintesa u jintilef. Hu żgur li l-kefen ta’ San Pawl inġarr biex jindifen b’xi mezz komuni ta’ trasport użat f’dak iż-żmien. Dan sar probabbilment mingħajr l-ebda pompi permezz ta’ xi karru mmexxi minn bhima. Kollox b’mod normali biex tibqa mistura l-identita` tiegħu. San Pawl indifen f’qabar sempliċi mħaffer fl-art li x’aktarx kien ġie offrut minn xi wieħed mid-dixxipli. Forsi din kienet ir-raġuni vera għaliex San Pawl indifen hawn. Jista’ jkun ukoll li hawnhekk kien l-eqreb post tad-dfin f’dawk l-inħawi. Dawn ir-raġunijiet ikomplu jagħtu piż lil leġġenda ta’ Timotju u Luċija u d-difna ta’ l-Appostlu Pawlu fis-sepolcreto Ostiense.
KIF KIEN IS -SEPOLCRETO OSTIENSE ?
Bħal toroq oħra ewlenin li jagħtu lejn u l-barra mill-belt ta’ Ruma, Via Ostiense kellha wkoll dak l-wisa` mħolli apposta għad-dfin. Ir-Rumani bdew jagħmlu użu minn dan il-post fl-ewwel seklu q.K., u damu jagħmlu dan sal bidu tar-raba’ seklu w.K, meta parti sostanzjali mis-sepolcreto Ostiense ittieħdet biex tkun tista’ tinbena l-ewwel Bażilika f’ġieħ l-Appostlu Pawlu. Dan il-post tad-dfin kien fil-miftuħ, qalb il-kampanja, u biswit ix-xmara Tevere. Is-Sepolcreto Ostiense kien wieħed mifrux ħafna, bil-qalba tiegħu li kienet ta’ madwar 400 metru tul, b’100 oħra wisa`, fil-post fejn proppju llum tinsab mibnija l-bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura, u l-monasteru Benedittin maġembha. Iżda fost il-ħafna oqbra f’dan is-‘sepolcreto’ , kif u fejn kien il-qabar ta’ San Pawl ?
IL-QABAR TA’ L-APPOSTLU PAWLU
It-topografija ta’ dawn l-inħawi kienet waħda ta’ livell baxx ħafna. Ta’ spiss, b’mod speċjali fix-xhur tax-xitwa, iż-żona tas-sepolcreto Ostiense kienet tispiċċa mgħarrqa taħt l-ilma, l-aktar meta kienet tfur ix-xmara. Il-qabar ta’ San Pawl kien proppju hawn. Kien qabar imħaffer fl-art, mhux aktar minn 4 metri għoli, mil-livell tal-ilma tat- Tevere. Qabar li kien qiegħed viċin tat-triq, ma’ ġenb diversi oqbra oħra ta’ dik l-epoka. Oqbra simili, sempliċi bħal dak ta’ Pawlu mħaffra fl-art, oħrajn f’għamla monumentali, u oħrajn f’għamla ta’ kmamar funebri (musulew) ta’daqs kbir u medju, b’qabar wieħed jew aktar fihom. Aktar tard, fit-tieni u t-tielet seklu, id-dfin f’dan it-tip ta’ oqbra nbidel għal wieħed aktar sempliċi, f’oqbra baxxi ma’ l-art. Illum grazzi għall-istudju li sar u s-sejbiet arkeoloġiċi li nstabu f’ din iż-żona, għandna idea ċara ta’ kif madwar dsatax-il mitt sena ilu seta` kien dan il-post. Maż-żmien fuq il-qabar ta’ l-Appostlu Pawlu nbena monument. Iżda kif seta` kien dan il-mafkar jew kif huwa magħruf aħjar bħala t-trofew ta’ Gaius ?
IT-TROFEW TA’ GAIUS
Fil-ktieb Storia Eclesiastica nsibu rakkont dwar polemika li fil-bidu tat-tielet seklu kien hemm bejn ċertu Gaius, membru tal-Knisja Kristjana, u Procolo, membru ta’ setta reliġjuża. Dwar x’hiex kienet tqajmet din il-kontroversja? Xi ħjiel ġdid joħroġ dwar il-qabar ta’ San Pawl?
Eusebio ta’ Cesareia, meqjus bħala missier l-istorja tal-Knisja, jagħti dettalji u jirrakkonta kif kienu daħlu dubji dak iż-żmien dwar it-twaqqif tal-Knisja f’Ruma mill-Appostli Pietru u Pawlu. F’dan ir-rakkont Eusebio jikkwota lil Gaius li wieġeb lil Procolo: “ Jiena nista’ nuri t-trofej tal-Appostli. Kemm jekk tmur fil-Vatikan, jew inkella fi triq Ostiensa, inti ssib it-trofej tal-fundaturi tal-Knisja”. Kif kienu dawn it-trofej li qed jirreferi għalihom Gaius? Dawn ma’ kinux ħlief mafkar fuq dawn l-oqbra, li kienu meqjusa mill-insara bħala monumenti tar-rebħa li saret fuq il-mewt permezz tal-martirju. Dwar it-trofew fuq il-qabar ta’ Pawlu ma teżisti l-ebda traċċa, iżda b’xorti tajba, is-sejba tal-fdalijiet tat-trofew ta’ fuq il-qabar ta’ San Pietru, u aktar tard ir-rikostruzzjoni tiegħu minn diversi esperti tagħtina idea ċara ta’ kif setgħu kienu. Din il-ġrajja hija meqsusa bħala l-eqdem xhieda dwar l-oqbra ta’ l-Appostli Pietru u Pawlu, li ġrat fi żmien l-Isqof Zeferino, bejn is-snin 199 u 217 w.K., bejn wieħed u ieħor madwar 150 sena wara mewthom.
GĦAL KENN FIL-KATAKOMBI
Il-katakombi fejn kienu jinġabru jitolbu l-ewwel insara, fil-belt ta’ Ruma, illum il-ġurnata magħrufa bħala ta’ San Sebastjan, għall-ħamsin sena sħaħ, kienu ta’ kenn għall-fdalijiet qaddisa tal-Appostli Pietru u Pawlu. Dan ġara fis-sena 258 w.K. Iżda għaliex dawn il-fdalijiet ma’ tħallewx għall-qima fl-oqbra rispettivi tagħhom?
L-Imperatur Valeriano (253 – 260 w.k.), ma tantx kien ġab risq għall-insara ta’ Ruma. Fi żmienu, l-persekuzzjoni kienet reġgħet għolliet rasha mill-ġdid. Tista’ tgħid kienet saret xi ħaġa impossibli li l-insara jkomplu jagħtu qima lill-fundaturi tal-Knisja fuq l-oqbra rispettivi tagħhom. Għalhekk il-fdalijiet tagħhom ittieħdu ġo dawn il-katakombi, li minn dak inhar ‘il quddiem bdew jirreferu għalihom bħala MEMORIA APOSTOLORUM.
In-numru kbir ta’ graffiti bil-latin, grieg u aramajk, li nstabu, huma xhieda tal-qima kbira li dawn il-qaddisin kienu jgawdu f’dan il-post. Fir-raba` seklu, meta reġgħet bdiet tirrenja l-paċi, l-Imperatur Kostantinu (306 u 337 w.K), bena knisja f’ġieħ San Pietru u San Pawl fuq dan il-post. Din kienet magħrufa bħala BASILICA APOSTOLORUM. Numru ta’ studjużi huma tal-fehma li l-festa ta’ l-Appostli San Pietru u San Pawlu bdiet tiġi ċċelebrata fil-jum tad-29 ta’ Ġunju proppju b’rabta mal-ġurnata meta fiha l-fdalijiet qaddisa ta’ l-Appostli ġew ttrasferiti lura fl-oqbra rispettivi tagħhom, fuq l-għolja tal-Vatikan u fi triq Ostiense fil-bidu tar-raba` seklu.
TINBENA L-EWWEL BAŻILIKA
It-twaqqif tal-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura hu dovut għar-rieda ta’ l-imperatur Kostantinu, li fis-sena 324 w.K. aċċetta t-talba tal-Papa Silvestru (San) biex fuq il-qabar ta’ l-Appostlu Pawlu tinbena Bażilika f’ġieħu.
Ċertament li qabel ma’ ġiet approvata din ir-rikjesta, il-kontenut tal-fdalijiet ġol-qabar meqjus ta’ San Pawl, ġew verifikati. Issa kienu għaddew qrib il-260 sena mill-mewt tiegħu, u mhix ħaġa ċerta jekk minħabba l-problema tal-għargħar f’dawn iż-żminijiet, il-fdalijiet tal-qaddis kinux ġol-qabar taħt l-art, jew inkella kinux ġew elevati mill-art.
Minn studju li sar bejn is-snin 1838 u 1850, minn Paolo Belloni waqt xogħol li sar f’din il-Bażilika wara l-ħruq li ġarrbet fis-sena 1823, joħroġ ċar li l-ewwel Bażilika kienet ta’ daqs żgħir. Il-Bażilika Kostantinjana, kif kienet magħrufa, fil-Bażilika tal-lum kienet tokkupa biss l-ispazju ta’ wara, mill-artal papali sal-apside. Kellha entratura simili għal dik tal-lum, jiġifieri f’għamla ta’ bitħa mdawra bil-kolonni, magħrufa aħjar bħala kwadriportiku. Din kienet fi triq Ostiense. Dik tal-lum tinsab faċċata tagħha, fi Piazzetta S. Paolo.
Waqt iskavi li saru bejn is-snin 2002-2003, Dr Giorgio Filippi, kixef mill-ġdid parti mill-paviment ta’ l-ewwel Bażilika, dik ta’ taħt l-artal ta’ San Timotju, li jagħmel parti mill-‘confessione’, quddiem l-artal papali ta’ din il-Bażilika. Illum dan il-paviment ġie miksi bil-ħġieġ biex ikun jista’ jitgawda mill-viżitaturi.
TINBENA MILL-ĠDID
Lejn tmiem is-seklu erbgħa, il-Bażilika Kostantinjana kienet sfat meqruda, u mbagħad mibnija mill-ġdid. Dan sar bejn is-snin 384 u 386 w.K, meta t-tliet imperaturi Valentinjanu I, Teodosju I u ibnu Arkadju ddeċidew li tinbena Bażilika ġdida, ferm akbar u grandjuża minn dik ta’ qabel. Ir-raġuni ewlenija kienet il-problema ta’ l-ilma li ta’ spiss kienet tolqot dan il-maqdes. It-tliet imperaturi bnew il-Bażilika l-ġdida minflok dik li kien hemm qabel, u kabbruha fuq in-naħa ta’ wara. Lil-paviment sar aktar fl-għoli biex b’hekk tiġi evitata l-problema ta’ l-ilma. Meta tlestiet, dik li issa kienet ġiet magħrufa bħala l-Bażilika Teodisjana, il-ġurnata tal-konsagrazjoni tagħha ġiet marbuta ma’ dik tal-Bażilika ta’ San Pietru. Fit-18 ta’ Novembru 390, fl-istess ġurnata li l-Bażilika Vatikana kienet qed tiċċelebra l-konsagrazzjoni tagħha, il-Papa Siricio kkonsagra b’mod aktar solenni din il-Bażilika ġdida f’ġieħ Pawlu l-Appostlu tal-Ġnus. Kien f’dan iż-żmien li l-fdalijiet ta’ San Pawl tpoġġew ġos-sarcofago, tebut tal-ġebel li kien komuni ħafna fil-qedem, li kien ħaġa waħda ma’ l-artal maġġur li fuqu kienet tiġi ċċelebrata l-ewkaristija.
IL-ĦRUQ LI QERED IL-BAŻILIKA
Il-Bażilika Teodisjana mal-medda tas-snin kompliet tissebbaħ opri artistiċi. Iżda l-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’Lulju tas-sena 1823 kellu jkun wieħed ta’ sfortuna. Nirien kbar ħakmu din il-Bażilika, li sfortunament qerdu dan il-maqdes Pawlin tista` tgħid għal kollox. Wara l-mewt tal-Papa Piju VII, li miet ftit aktar minn xahar wara dan l-inċident, il-Papa il-ġdid Iljun XII, ta bidu għall-bini mill-ġdid ta’ din il-Bażilika, li finalment ġiet ikkonsagrata mill-ġdid mill-Papa Piju IX fit-18 ta’ Diċembru 1854.
Fix-xogħol ta’ kostruzzjoni, saru diversi bidliet f’din il-Bażilika, b’mod speċjali fil-wesgħa ta’ madwar l-artal papali magħruf aħjar bħala l-‘confessione’. Iż-żmien inessi, u kaġun ta’ dan, donnu għalkemm fl-arkivju ta’ din il-Bażilika hemm diversi riferenzi għas-sarcofago kbir attribwit li fih l-fdalijiet ta’ San Pawl, kif ukoll diversi rapporti ta’ tentattivi ta’ skavi li saru mill-1892 l hawn, fl-aħħar snin it-tweġiba ta’ fejn jinsab il-qabar ta’ San Pawl kienet li ħadd ma jaf eżatt. Irħama bil-kliem PAULO APOSTOLOMART, jiġifieri ‘Pawlu Appostlu Martri’, li tinsab taħt l-artal papali, sas-sena 2003, kien maħsub li qed tgħatti dan il-qabar. Għaliex id-diversi tentattivi li saru biex joħroġ għad dawl dan il-qabar minn din is-sena sa issa (1892-2003) qatt ma taw riżultat konklussiv?
JIBDEW L-ISKAVI
Il-Ġublew tas-sena 2000, hu meqjus bħala wieħed importanti. Dan għaliex waqt dan iż-żmien, diversi pellegrini li żaru l-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura, kienu qed jistaqsu: ‘feju hu l-qabar ta’ l-Appostlu Pawlu?’ Kienet xewqa ta’ eluf li f’dan il-ġublew xtaqu li jmissu u jaraw b’għajnejhom il-qabar ta’ l-appostlu tal-ġnus. Kien għalhekk li wara s-sena 2000, l-Amministratur tal-Bażilika, l-Arċisqof Francesco Gioia, kien talab lill-Awtoritajiet tal-Vatikan, biex jiskavaw f’dan il-post. Dr Giorgio Filippi, arkeoloġu tal-‘Musei Vaticani’, tqabbad għal din il-biċċa xogħol tant delikata. Iżda fejn irnexxielu jasal Dr Filippi?
ĦIDMA LI TAT IL-FROTT
Il-perjodu bejn Ġunju 2002 u Mejju 2003, kien żmien kruċjali għal Dr Giorgio Filippi. Il-ħsieb ewlieni tiegħu kien li jerġa` jsib dan il-qabar. Numru ta’ rapporti ta’ tentattivi li saru fil-passat, biex jinstab dan il-qabar, kienu ta’għajnuna kbira għalih, biex bihom seta’ jibda l-ħidma tiegħu. L-irħama, ‘Pawlu Appostlu Martri’, kienet il-punt tat-tluq tiegħu. Dr.Filippi beda jeżamina tliet toqob żgħar fuq din l-irħama. Tliet toqob li kienu l-muftieħ għal sejba mportanti. Iżda wieħed jistaqsi x’kien l-iskop ewlieni ta’ dawn it-toqob? Fejn kienu jinfdu, u għaliex kienu saru? Wara li dawn tnaddfu bl-akbar reqqa minn Dr Filippi nnifsu, kien jidher ċar li dawn kienu jinfdu s’isfel. Aċċess f’għamla ta’ ċilindru twil irqiq li bi probabilita’ kbira kien iwassal sal-ġewwieni tas-sarcofago. Aċċess li iżda huwa ssiġillat. Issiġillat b’siġill ta’ taħlita ta’ tafal. Tafal qadim, li jmur lura b’bosta sekli.Tafal li qed iservi ta’ siġill li jekk jinkiser inkunu nistgħu naqtgħu l-kurżita`. Fis-sena 386 w.K. l-imperatur Teodosju I, kien impona liġi. Liġi li tgħid li ma kien permissibbli għal ħadd li jagħmel kummerċ bir-relikwi tal-qaddisin. Liġi li kienet timponi li l-ebda fdal ma seta` jitħarrek minn postu. Hu żgur għalhekk li dawn it-toqob kienu jintużaw biex minnhom seta` jisir kuntatt mal-ġewwieni. Minn studju li sar jirriżulta li minn dawn it-toqob, kienu jitniżżlu biċċiet tad-drapp, biex jintmessu mal-fdalijiet tal-qaddis. Wara dawn kienu jinżammu bħala tifkira.
L-impożiżzjoni ta’ din il-liġi ggarantiet li għal numru ta’ snin dan il-qabar kien totalment protett. Użu ieħor ta’ dawn it-toqob kien li fil-festa tal-qaddis, kien jinħaraq l-inċens, li wara kien jitniżżel fil-ġewwieni tas-sarcofago, kif ukoll kien ifewwaħ l-imkejjen kollha tal-Bażilika. Dawn il-fatti jimlewna kuraġġ li l-qabar bil-fdalijiet ta’ l-Appostlu Pawlu jinsabu f’dan il-post. Iżda sa issa, dawn kienu biss konklużjonijiet ibbażati fuq provi ta’ studju li sar. Sa hawn, Dr Filippi kien għadu la ra , u lanqas sab xejn. Kien żgur li kien miexi lejn sejba importanti. Sejba li kien ilha mistura għal bosta snin. Iżda wara dan kollu, fejn irnexxielu jasal bla mistenni Giorgio Filippi?
JINSTAB IS-SARCOFAGO TA’ PAWLU U JINTEMMU L-ISKAVI.
Ħidma ta’ skavar b’akbar reqqa, fis-sena 2003, f’ madwar żewġ metri fond, taħt l-artal papali, qalb il-pedamenti tal-Bażilika preżenti, Dr Giorgio Filippi skopra mina. Mina minn fost oħrajn li kienu tħaffru fir-raba` seklu. Mina li bla ma’ kien mistenni wasslitu sas-sarcofago ta’ l-Appostlu Pawlu. Il-qabar ta’ San Pawl kien instab! Kif minn dejjem kien maħsub, il-qabar ta’ Pawlu, instab madwar metru u nofs ‘l isfel, taħt l-irħama, “Pawlu Appostlu Martri”. Sarcofago tal-irħam, ta’ lewn bajdani jinsab marsus, jew aħjar ‘fgat’, qalb l-irdim, imdawwar bil-pedamenti tal-konkos tal-kanapew li kienu saru bejn is-snin 1838 – 40. Sarcofago li jinsab imqiegħed fuq il-paviment tat-tieni Bażilika li kienet inbniet ftit qabel is-sena 390 w.K. Sarcofago li ma għandu l-ebda konnessjoni ma’ fuq għajr it-toqob. Toqob issiġillati, f’għamla ta’ ċilindru twil, li mill-għatu tiegħu jwasslu sal-irħama ‘Pawlu Appostlu Martri’. Wara din l-iskoperta tant importanti l-ħidma ssoktat bla waqfien sal-jum tal-11 ta’ Diċembru 2006. Dan il-jum, jibqa` msemmi bħala dak li fiħ is-sarcofago ta’ San Pawl kien ġie muri lid-dinja. Espost għall-ewwel darba wara tant snin mistur. Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, fil-preżenza tal-Kardinal Andrea Cordero Lanza di Montezemolo, Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura, Dr. Filippi ħabbar li l-iskavi li kienu bdew fl-2002 ġew fi tmiemhom fit-22 ta’Setembru 2006. Skavi li fihom instab is-sarcofago li tant kien jissemma matul l-istorja. Sarcofago ta’ qies: 2.55 metri twil, 1.25 metri wiesa’ u b’0.97 metri għoli. Sarcofago b’għatu jgħatti l-wiċċ tiegħu ta’ madwar 0.30 metri oħxon. Min jaf jekk il-fdalijiet ta’ l-Appostlu Pawlu jinsabux fih? Tentattivi b’x-rays biex jiġi stabbilit x’hemm ma tawx ir-rizultati mixtieqa. Dan minħabba l-ħxuna tal-ġebla li ma ppermettietx dan. Għalhekk, quddiem l-awtoritajiet Vatikani tressqet talba biex dan ikun jista’ jinfetaħ mill-ġdid. Jinfetaħ wara bosta snin magħluq. Probabbilment sa mis-sena 390 w.K.
Fil-25 ta’ Jannar ta’ din is-sena (2007), festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, il-Papa Benedittu XVI waqt żjara f’din il-Bażilika, waqaf quddiem is-sarcofago ta’ San Pawl, li jinsab mikxuf għall- qima. Il-Papa għadda għal ħin sostanzjali jitlob. Talab talba lil Pawlu għall-għaqda fost l-insara. Xewqa li lilu ġiet fdata. Irringrazzjah għal-frott li nkiseb mid-djalogu li sar bejn l-insara matul l-aħħar sena. Frott tant meħtieġ lejn it-triq mhix faċli biex tkun tista` titwettaq din ix-xewqa ta’ għaqda waħda taħt ragħaj wieħed.
L-AQWA XHIEDA
Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fuq l-oqbra tal-martri kienet waħda mill-użanzi ewlenin ta’ l-ewwel insara. Iċ-ċelebrazzjoni fuq il-qabar ta’ l-Appostlu Pawlu, hi meqjusa minn bosta studjużi bħala l-eqdem waħda fil-belt ta’ Ruma. Pero` kif żviluppa l-kult liturġiku fuq dan il-qabar?
Lura fl-istorja tal-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura, sa mis-sena 390 w.K., madwar dan is-sarcofago kien inbena artal. Artal li fuqu kienet tiġi ċċelebrata l-ewkaristija. L-irħama ‘Pawlu Appostlu Martri’, f’dan iż-żmien kienet maqsuma f’żewġ partijiet, u kienet tagħmel parti mill-ġnub ta’ dan l-altar. Toqba żgħira f’nofs il-mensa (il-parti ċ-ċatta), kienet tintuża biex isir il-kuntatt ma’ ġewwa tas-sarcofago, filwaqt li gradilja tal-ħadid, li minnha kien jidher sewwa s-sarcofago, kienet tagħlaq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-altar.
Minħabba terremot li sar fis-sena 443 w.K., fi żmien il-Papa San Iljun il-Kbir (440-461 w.K.), madwar is-sarcofago inbniet bradella, simili ħafna għal dak li llum hu magħruf bħala presbiterju. B’hekk filwaqt li s-sarcofago baqa` f’postu, jiġifieri fuq il-paviment tal-Bażilika, l-artal il-ġdid għola ‘l fuq bi kważi 60 ċentimetru. L-irħama “Pawlu Appostlu Martri’, f’dawn il-kambjamenti ġiet utiliżzata bħala l-mensa għal dan l-artal. F’nofsha saret ukoll toqba, li permezz ta’ aċċess ‘l isfel, kienet tista` titkompla l-użanza tal-kuntatt ma’ ġos-sarcofago. Fi żmien il-Papa San Girgor il-Kbir (590-604 w.K), saru bidliet oħra. Il-presbiterju reġa` għola ’l fuq bi 1.80 metru, u sar artal ġdid. L-irħama/mensa ‘Pawlu Appostlu Martri’ baqgħet f’postha, filwaqt li madwarha nbena artal ġdid. Illum il-ġurnata din l-irħama għadha, tidher f’dan il-post, meta wieħed jittawwal ġo l-artal papali ta’ din il-Bażilika. ( Ritratt fuq l-lemin: Driegh San Pawl meqjum fil-Kolleggjata ta' San Pawl fil-Belt Valletta.)
Bla dubju ta’ xejn, iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika għal aktar minn sittax-il mitt sena fuq dan l-artal ta’ din il-Bażilika, hi l-aqwa xhieda tal-preżenza tal-fdalijiet ta’ l-Appostlu f’dan il-post. Hija xhieda ħajja li timlina b’kuraġġ. Kuraġġ li fix-xhur li ġejjin għad forsi jinbidel f’ferħ. Ferħ b’aħbar tal-konferma li l-fdalijiet ta’ l-Appostlu Pawlu jinsabu hawn. F’intern ta’ dan is-sarcofago fil-preżent ħadd ma’ jaf x’hemm. L-uniku tnejn li bi probabilita kbira kienu jafu huma l-Imperatur Teodosju I, u l-Papa Siriċju. Kienu huma li fis-sena 390 w.K. issiġilaw dan il-qabar. Min jaf x’hemm ġewwa dan is-sarcofago? Tgħid il-fdalijiet ta’ l-Appostlu Pawlu jinsabu hawn?. Fiż-żmien li ġej x’ser tkun it-tweġiba għal dan?
IS-SINIFIKAT TAR-RABTA MAL-QABAR TA’ S.PAWL
….U MA’ DAK TA’ S. PIETRU
L-Affiljazzjoni Spiritwali li l-Bażilika Nadurija tħaddan mal-qabar ta’ l-Appostlu Pawlu, flimkien ma’ l-Affiljazzjoni mal-qabar ta’ San Pietru, huma ħafna għal-qalb n-Nadurin. Hija rabta diretta mal-post fejn jinsabu l-fdalijiet qaddisa tagħhom. Hija grazzja kbira għall-parroċċa tagħna. Iżda x’sinjifikat għandha din ir-rabta? X’iridu minna l-Appostli Pietru u Pawlu permezz ta’ din l-Affiljazzjoni? Żgur li Pietru qed jitlobna biex nitolbu għas-suċċessur tiegħu, il-Papa. U l-Appostlu Pawlu x’irid minna? Aħna li qegħdin ngħixu fi żmien eċċitanti? Żmien li jista` jwassalna għall-aħbar tal-konferma tas-sejba tal-fdalijiet tiegħu. Żmien li forsi fih tiġi aċċettata t-talba li saret lil Papa Beneditu XVI, biex is-sena li ġejja (2008) tkun ‘Is-Sena ta’ l-Appostlu Pawlu’. Min jaf jekk kienx Pawlu, li f’dawn iż-żminijiet mill-ġdid reġa` tefa` ħarstu fuq gżiritna? Min jaf jekk kienx bl-intervent tiegħu li nkisret kull regola, u b’hekk twaqqfet l-Affiljazzjoni Spiritwali mal-bażilika tiegħu. Bażilika mondjali ta’ talb għall-għaqda fost l-insara. Min jaf jekk hux Pawlu, li permezz ta’ din ir-rabta qed jitlob minna l-kontribut tagħna lkoll? Kontribut ta’ talb biex tkun tista` titwettaq ix-xewqa ta’ l-għaqda fost l-insara. Kontribut importanti minna bħala poplu Malti u Għawdxi, li ksibna l-fidi permezz tiegħu. Min jaf x’qed jitlobna l-Appostlu Pawlu mill-qabar tiegħu fi Triq Ostiense? U min jaf x’qed jitlobna l-ewwel Papa Pietru mill-qabar tiegħu fil-Vatikan? Min jaf jekk humiex jitolbuna biex din ir-rabta unika tissarraf f’talb? Rabta magħhom li aħna n-Nadurin ksibna fit-twelid tal-parroċċa. Rabta magħhom li ssaħħet permezz tal-ġieħ tal-Bażilika. Rabta magħhom li permezz ta’ l-Affiljazjoni ta’ 2004 bdiet tfisser aktar talb. Talb lil San Pietru għar-ragħaj spiritwali tagħna, il-Papa. Talb lil San Pawl għall-għaqda fost l-insara. Min jaf x’qed jitolbu minna San Pietru u San Pawl ? Min jaf jekk humiex dawn ix-xewqat tagħhom. Min jaf?
Referenzi:
‘La Tomba di San Paolo alla luce delle recenti ricerche’. Studju minn Dott. Giorgio Filippi dwar il-qabar ta’ S.Pawl u l-aħħar sejbiet arkeoloġiċi li saru minnu.
‘Nota sul Sarcofago di S. Paolo’ – 11 Dicembre 2006. (Sala Stampa Vaticana)
Ħajr Speċjali:
Dott.Giorgio Filippi, Musei Vaticani, Sala Stampa Vaticana u l-Amministrazione della Basilica di San Paolo Fuori le Mura.
Wignacourt Museum u Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, Rabat, Malta. |